XXXIII Convegno «Giovani Verso Assisi»

Assisi, 31 t’Ottubru - 4 ta’ Novembru 2012

 

Għal din is-sena wkoll, il-komunità tagħna offrietilna l-possibilità li tnejn minna jipparteċipaw għall-Konvenju (Meeting) «Giovani Verso Assisi», cioè «Żgħażagħ lejn Assisi». Hu konvenju ippreparat mill-patrijiet franġiskani konwentwali li jgħixu fis-Sacro Convento (il-kunvent maġenb il-Bażilka ta’ San Franġisk) ta’ Assisi li għalih huma mistedin jieħdu sehem fih iż-żgħażagħ kollha Taljani. In-numru tal-parteiċpanti għal din is-sena kien ta’ madwar 1000 żagħżugħ u żagħżugħa. Fra Simone Milani u jiena urejna x-xewqa li nippparterċipaw.
It-tema prinċipali għal din is-sena kienet “Servu u Aqdu lill-Mulej”. Tlaqna bil-privates minn Padova nhar l-Erbgħa 31 ta’ Ottubru fis-1pm. Aħna konna mal-grupp tal-patrijiet tal-provinċja ta’ Padova li ħasbet biex tniżżel Assisi madwar 200 żagħżugħ u żagħżugħa. Hekk matul il-vjaġġ u matul dawn il-ġranet sirna nafu lil xi wħud minn dawn iż-żgħażagħ...min staqsiena fuq il-vokazzjoni tagħna, min qasam magħna dak li kien qiegħed jgħix...
Wasalna Assisi għall-ħabta tas-7pm. Fil-bod kienet diġa’ bdiet tidher ix-xena bħal f’postcard tal-Bażilka u tas-Sacro Convento mixgħulin qalb il-ħemda ta’ filgħaxija... bla ma ridt fakkritni fl-ewwel żjara tiegħi f’Assisi...kont fuq it-train biex nagħti bidu għas-sena tan-Novizzjat! Ix-xita kienet ta’ kumpann matul il-vjaġġ tagħna!
Wasalna. Morna fil-lukanda f’Santa Marija tal-Anġli. Poġġejna l-affarijiet fil-kamra, kilna u bil-privates tlajna fil-Bażilka ta’ San Franġisk, fejn il-kustodju p. Giuseppe Piemontese tana l-merħba. Kull provinċja Taljana ippreżantat xi xogħol karitattiv li tieħu ħsieb. Dik ta’ Padova ppreżentat ħobża kbira. Dan biex jirrappreżenta l-ħidma karitattevoli, l-hekk imsejħa “Ħobż ta’ Sant’Antnin”, li titwettaq mill-patrijiet tagħna ta’ Padova.
Il-Ħamis l-1 ta’ Novembru: Solennità tal-Qaddisin kollha. It-tema tal-lum kienet “Is-servizz: tweġiba għall-imħabba”. Fil-Bażilka Superjuri, fid-9am, kellna r-relazzjoni minn p. Timothy Radcliffe, Dumnikan, ex-Mastru Ġenerali tal-Ordni. Kif jagħmel is-soltu, p. Timothy tkellem ħafna mill-esperjenza personali tiegħu. Qasam magħna l-fatt li aħna msejħin naqdu, iservu lil Kristu permezz tas-sensi tagħna, speċjalment dawk tal-ħars, tas-smiegħ u tal-ħass. Wara nofsinhar kien hemm gruppi ta’ kondiviżjoni fuq it-tema tal-lum. Fis-6pm kellna l-quddiesa fil-Bażilka Seperjuri u fid-9pm kellna mument ta’ talb fuq stil “karismatiku”. Rajt ħafna żgħażagħ kommossi f’dan il-waqt!
Il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru: Tifkira tal-Mejtin kollha. It-tema tal-lum kienet “Is-servizz: għotja tiegħek innifsek”. Fid-9am konna fil-Bażilka Superjuri fejn p. Mirko Montaguti iddireġiena għal-Lectio Divina. Ikkontemplajna flimkien l-ikona biblika tal-“Ħasil tar-Riġlejn”. Riflessjoni li baqgħet f’qalbi hi li mill-Vanġelu jidher biċ-ċar li wara l-ħasil tar-riġlejn Ġesù ma neħħiex minn fuqu l-fardal... liema fardal iwasslu għall-għotja sħiħa fuq is-salib. Wara nofsinhar kien hemm gruppi ta’ kondiviżjoni fuq il-Lectio Divina. Fis-7pm, fil-Bażilka Inferjuri, inġbarna għall-quddiesa li tat bidu għall-Penitenzjal. Wara l-quddiesa kien hemm is-servizz tal-qrar għal kulħadd. Wara l-qrara ż-żgħażagħ kienu mistiedna jinżlu fil-qabar ta’ San Franġisk għal mument ta’ ringrazzjament. Fl-aħħar spiċċajna bi ftit té fil-pjazza inferjuri.
Is-Sibt 3 ta’ Novembru: “Is-Servizz:  iwassalna għand ħutna”. Fid-9am konna fil-Bażilka Superjuri għat-talba tal-Lawdi. Wara kien hemm 6 gruppi fejn kull grupp ittratta t-tema tas-servizz minn aspett differenti: is-servizz tal-Liturġija, fil-Mard, fil-Komunikazjoni, fil-Missjoni, fit-Talba ta’ fejqan u s-servizz għall-Fidi. Jien ipparteċipajt għal dak tas-servizz fil-Komunikazzjoni, fejn id-direttur tas-Sala Stampa tas-Sacro Convneto, p. Enzo Fortunato qasam magħna x-xogħol tal-komunikazzjoni li jwettaq is-Sacro Convento. Wara nofsinhar kellna l-quddiesa, din id-darba maqsumin skont ir-reġjuni. Aħna tal-North tal-Italja għamilnieha ġewwa Rivotorto, il-post fejn għexu l-ewwel patrijiet. Filgħaxija umbagħad morna Bastia Umbra fejn kien hemm Serata ta’ Fraternità fejn p. Michele Rocco u p. Marco Bellachioma ittrattaw it-tema tal-konvjenju – cioè dik tas-Servizz –, b’mod ironiku, b’ċajt, żfin eċċ.
Il-Ħadd 4 ta’ Novembru. It-tema tal-lum kienet meħuda mill-kanitiku tal-Ħlejjaq ta’ San Franġisk: “Infaħħru u inqimu lill-Mulej u bla xejn kburija f’qalbna ninxteħtu f’riġlejh sabiex naqduh”. Il-Ġeneral kien qed itir mill-Paragwaj għall-Italja u għalhekk kien magħna l-Vigarju Ġenerali p. Jerzy Norel. Fl-aħħar tal-quddiesa ippreżentalna l-mandat... dak li naqdu lill-ħutna li l-Mulej ilaqqagħna magħhom matul it-triq tagħna.
Kienu erbat ijiem fejn  kelli ċ-ċans nerġa’ ngħix is-sbuħija ta’ Assisi, is-sbuħija li ergajt iltqajt ma' fra Christian u fra Joseph u  is-sbuħija tal-Missier tagħna San Franġisk li l-eżempju tiegħu għadu jiġbed tant ammiraturi li l-Mulej għoġbu jlaqqagħni magħhom!

 

Fra Allister Aquilina

Giovani verso Assisi

<< 1 | 2 | 3